Joseph Muscat għandu jwarrab minnufih – Delegazzjoni Ewropea

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jwarrab minnufih. Dan qalitu l-kap tad-delegazzjoni Ewropea li tinsab Malta bħalissa biex teżamina s-saltna tad-dritt (rispett lejn il-liġi) fil-pajjiż wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat għadu qed jiddefendi l-mod li bih ħa ħsieb l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista fl-2017. Hu qal li se jkun qed jirreżenja minn Prim Ministru f’Jannar sabiex jagħti ċans lill-Partit Laburista sabiex isib mexxej ġdid.

Reuters irrapporta kif Sophie In’t Veld, li kienet qed tmexxi l-ħidma ta’ jumejn tad-delegazzjoni f’Malta qalet li ma ħassitiex li tista’ sserraħ moħħa wara l-laqgħa li kellha ma’ Muscat u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

“Naħseb li kulħadd, inkluż il-Prim Ministru nniffsu, kapaċi jirrikonoxxi li għamel żball fil-ġudizzju tiegħu. Nemmen li jekk jibqa’ fil-poter, dan se jkun żball ieħor,” sostniet mal-ġurnalisti.

Min-naħa tagħhom, la Muscat u lanqas Bonnici ma għamlu l-ebda kumment wara l-laqa’.

Caruana Galizia mietet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Il-Ħadd, il-Pulizija akkużaw wieħed mill-aktar negozjanti sinjuri tal-pajjiż, Yorgen Fenech, li kellu x’jaqsam mal-assassinju. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi u qal li kienu persuni miċ-ċirku ta’ ħbieb intimi ta’ Muscat li kkummissjonaw il-qtil.

Bosta kritiċi, inkluż il-familja ta’ Caruana Galizia, iridu li Muscat jirreżenja b’mod immedjat għax qed jgħatti l-ħażen li għamlu sħabu mill-investigazzjonijiet. Hu dejjem qal li dan mhux minnu.

Intant, l-Oppożizzjoni qalet li mhux se tersaq aktar lejn il-Parlament sakemm Muscat jibqa’ Prim Ministru. Illum ittieħdet id-deċiżjoni li l-parlament jiġi aġġornat kmieni. Hu se jiftaħ fl-20 ta’ Jannar, wara li jkun intagħżel Prim Ministru ġdid.

Intant ilbieraħ, huma u deħlin Kastilja, Muscat u Bonnici ntlaqgħu minn bosta insulti u twaddib ta’ bajd. Bonnici intlaqat minn bajda.

Dan l-iskandlu jidher li qajjem tħassib kbir fuq il-kredibilità tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. In’t Veld qalet li “Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea u trid issegwi l-liġijiet tagħha.” Hi sostniet li pajjiż jista’ jkun fl-Unjoni Ewropea biss jekk ikun hemm fiduċja miż-żewġ naħat. Insistiet li l-bażi ta’ din il-fiduċja f’Malta ma għadhiex hemm.

Minkejja li Muscat ammetta li seta’ ħa deċiżjoijiet aħjar, hu ġġustifika r-rekord tiegħu billi qal li s-suspettat moħħ wara l-assassinju jinstab il-ħabs grazzi għal waħda mill-akbar investigazzjonijiet fl-istorja tal-pajjiż.

Intant, Yorgen Fenech qed jitlob il-maħfra presidenzjali biex jagħti informazzjoni dwar l-ippjanar tal-assassinju u l-allegata korruzzjoni li tinvolvi l-eks Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi fost oħrajn.

Il-gvern irrifjuta t-talba tiegħu. Filwaqt li Schembri u Mizzi t-tnejn irreżenjaw il-ġimgħa li għaddiet. Huma qalu li ma għamlu xejn ħażin.

Aktar kmieni llum…