Joseph Muscat fost il-kelliema waqt is-summit bejn l-Ażja u l-Ewropa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wieħed minn tliet kapijiet Ewropej li tkellmu fis-summit bejn l-Ażja u l-Ewropa li qed isir f’Milan, fl-Italja.
Għal dan is-summit qed jattendu 51 kap ta’ Gvern u Stati miż-żewġ kontinenti.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jeżistu differenzi bejn iż-żewġ kontinenti iżda dan m’għandux ikun ta’ deterrent għal koperazzjoni ikbar.
Sostna li fost it-28 pajjiż Ewropew jeżistu diverġenzi iżda bid-diskussjonijiet dejjem jinstabu sinerġiji biex nimxu ’l quddiem.
Joseph Muscat tkellem dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f’Pariġi u qal li dan se jkun eżami importanti, li l-Komunità Internazzjonali ma tistax tfalli. 
Qal li s-sena d-dieħla se tkun importanti wkoll għall-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ wara l-2015 u enfasizza li l-kriżi tal-Ebola qed isservi ta’ tfakkira fuq l-inugwaljanzi li jeżistu.
Il-Prim Ministru qal li t-tisħiħ bejn iż-żewġ kontinenti jista’ jsir iktar effettiv permezz ta’ kuntatti bejn il-popli nnifishom permezz ta’ skambji bejn is-soċjetà ċivili u akkademiċi li jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet sodi li diġà jeżistu.
Sostna li ż-żewġ kontinenti jridu jkomplu jħarsu ’l quddiem permezz ta’ ideat li jgħaqdu liż-żewġ kontinenti flimkien mal-Afrika f’dawk li huma relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali. 

Ritratt: DOI – Omar Camilleri