Joseph Muscat f’summit Ewropew dwar l-enerġija u l-Ebola

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li qed jiltaqa’ matul dawn il-jumejn fi Brussell.
Fuq l-aġenda hemm il-qafas leġiżlattiv tal-enerġija u t-tibdil fil-klima kif ukoll il-ġlieda kontra l-virus tal-Ebola.
Il-leġiżlatura ġdida tista’ tgħaddi biss jekk tiġi approvata mill-mexxejja tat-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea waqt dan il-Kunsill.
Il-mexxejja Ewropej qed jittammaw li jilħqu ftehim matul il-laqgħa tal-Ħamis.
Jekk jgħaddi dan il-qafas leġiżlattiv se jkun qed jorbot lill-pajjiżi Ewropej bi tnaqqis ta’ 40% fl-emissjonijiet fl-ajru, 30% fl-effiċjenza tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinovabbli jiżdied għal 27% tal-energy mix Ewropew.
Fl-istituzzjonijiet Ewropej speċjalment fil-Parlament Ewropew għaddejja diskussjoni dwar investiment għal proġetti komuni dwar l-enerġija.
Fost il-proposti mressqa hemm li jiżdied l-aċċess għall-gass għall-pajjiżi li mhux fl-Ewropa kontinentali.
Dan minħabba l-kriżi bis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja.
Matul dan is-summit, il-Kapijiet tal-Istati membri se jitkellmu wkoll fuq l-Ebola.
Il-mira tal-Unjoni Ewropea hi li jinġabru madwar €800 miljun.
Fost il-pajjiżi l-kbar fl-Ewropa, ir-Renju Unit qed jintrabat li jagħti b’€158 miljun filwaqt li jintbagħtu mas-750 suldat fi Sjerra Leone.
Il-Ġermanja se tagħti €100 miljun u Franza se tagħti €70 miljun u se tibni ċentru għall-kura fil-Ginea.
In-Nazzjonijiet Magħquda qed titlob li l-pajjiżi Ewropej jikkontribwixxu wkoll fl-għajnuna medika permezz ta’ mediċini u t-taħriġ tat-tobba.