Joseph Gatt f’irwol importanti waqt Game of Thrones

Jekk inti wieħed mill-miljuni ta’ persuni li tħobb tara s-serje Game of Thrones, stajt tinnota li fil-lista tal-atturi li tidher wara l-episodji, hemm kunjom Malti.
Fir-raba’ staġun ta’ din is-serje, jieħu sehem ċertu Joseph Gatt. Gatt m’huwiex Malti, iżda l-ġenituri tiegħu huma Maltin li marru jgħixu Londra.
Is-serje ta’ HBO, Game of Thrones diġà kienet sinonima ma’ Malta drabi oħra. Filfatt, l-ewwel staġun, inħadmu ħafna biċċiet fl-Imdina, fil-Belt u fid-Dwejra f’Għawdex fost postijiet oħra.
Fir-raba’ staġun, Gatt ma kellux irwol żgħir, anzi. L-attur ta’ 40 sena kellu l-irwol ta’ ġellied vjolenti bl-isem ta’ Then Weng. L-istatura tiegħu, ta’ aktar minn sitt piedi, setgħet għenet ftit mhux ħażin biex ħa dan l-irwol.
Joseph Gatt ħa sehem ukoll f’Thor meta għamel il-parti ta’ Grundroth u fi Star Wars Into Darkness.
Gatt għandu kundizzjoni magħrufa bħala alopecia universalis. Din il-kundizzjoni kien ilu biha minn mindu kellu 14-il sena. Alopecia universalis twassal biex ix-xahar tal-persuna jaqa’ kollu f’daqqa.
Illum il-ġurnata, Gatt jgħix fl-Istati Uniti, f’Los Angeles. Minkejja li mhux se narawh iktar fis-serje Game of Thrones, l-attur qed jaħdem fuq proġetti ċinematografiċi oħrajn ma’ kumpaniji stabbiliti.