Joseph Cuschieri u Edwina Licari jissospendu ruħhom mill-MFSA

Talli siefru ma' Yorgen Fenech fl-2018

Joseph Cuschieri Edwina Licari MFSA

Read in English.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri huwa sospiż mill-MFSA wara li ħarġet l-aħbar li hu siefer ma’ Yorgen Fenech fl-2018. L-istess hija Edwina Licari, li hi l-avukata tal-MFSA u membru fil-bord tal-FIAU, li wkoll kienet marret f’dan il-vjaġġ f’Las Vegas. Hi rriżenjat mill-FIAU wkoll.

Sorsi kkonfermaw dan ma’ Newsbook.com.mt. L-MFSA u s-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji mbagħad ħarġu stqarrijiet li jgħidu li Cuschieri għamel dan volontarjament sabiex iħalli lill-Bord tal-Gvernaturi jwettaq kwalunkwe verifiki li jara neċessarji.

Mhuwiex ċar jekk bis-sospensjoni, Cuschieri hux se jibqa’ jitħallas, jieħu nofs il-paga jew ma jitħallas xejn.

Dr Edwina Licari tirriżenja mill-Bord tal-FIAU

L-MFSA spjegat li meta siefru ma’ Fenech, Licari ma kinitx impjegata mal-Awtorità, iżda hi ssospendiet lilha nfisha wkoll.

Stqarrija tal-Ministeru għall-Finanzi tgħid li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna lbieraħ filgħodu kkuntattja lil Dr Edwina Licari biex jiddiskuti l-pożizzjoni tagħha bħala Membru tal-Bord tal-FIAU. Dalgħodu l-Ministru Scicluna rċieva ittra ta’ riżenja mingħand Dr Licari, li ġiet aċċettata b’effett immedjat.

Meta t-Times żvela li Cuschieri siefer ma’ Fenech sentejn ilu, b’kollox imħallas minn Fenech, saru diversi talbiet għar-riżenja tiegħu. Hu kien qal lill-ġurnal li ma jarax għaliex għandu jirriżenja billi ma jarax li kien hemm kunflitt ta’ interess.

Yorgen Fenech hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Christopher Buttigieg is-CEO ad interim tal-MFSA

Stqarrija oħra maħruġa mill-MFSA għall-ħabta tat-8pm tgħid li l-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ddiskuta dak li ġie rrappurtat fil-midja. Il-Bord iddeċieda li jibda assessjar tal-fatti li ġew rappurtati biex jissalvagwardja l-interessi tal-Awtorità. L-analiżi għandha ssir b’mod mill-aktar trasparenti u etiku, tgħid l-istqarrija.

Il-Bord apponta lil Dr Christopher Buttigieg bħala CEO ad interim tal-MFSA.

Cuschieri kien intgħażel mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat għall-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv tar-regolatur finanzjarju, u Licari ntgħażlet bħala membru tal-bord tal-FIAU minn Cuschieri stess.

The Times of Malta żvelat li Cuschieri mar Las Vegas ma’ Fenech bi stedina ta’ Fenech stess, fejn hu aġixxa ta’ konsulent tiegħu. The Shift News qal li sorsi tal-Bank Ċentrali Ewropew qalu li l-vjaġġ ta’ Cuschieri jikser il-kodiċi tal-etika tal-istess bank u anke tal-MFSA.

Joseph Cuschieri kien ukoll involut fil-ftehim tal-Huawei mmexxi minn Sai Mizzi, ftehim li wħud jgħidu li ma kompliex jitwettaq wara li tħabbar lill-midja.

B’Cuschieri bħala Kap Eżekuttiv, il-baġit tar-regolatur finanzjarju għall-2019 tela’ b’40% u €25 miljun kienu meħtieġa mill-Gvern biex iżomm l-Awtorità għaddejja. Dan jidher biċ-ċar fir-Rapport Annwali tal-MFSA.

Għaliex il-PM iddefenda lil Cuschieri? – PN

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, semma kif ilbieraħ, Robert Abela ddefenda fuq l-istazzjon tal-Istat lill-istess Joe Cuschieri, “u allura joħroġ ċar li bl-istess mod li Joseph Muscat kien lest li jissagrifika s-settur tas-servizzi finanzjarji biex jiddefendi lil Keith Schembri, Brian Tonna u Konrad Mizzi, issa Robert Abela qiegħed jagħmel l-istess billi jiddefendi lil Joe Cuschieri minkejja d-dell iswed illi dan tefa’ fuq l-MFSA fi żmien fejn l-industrija tas-servizzi finanzjarji għaddejja mill-iktar perjodu diffiċli tagħha u qed tistenna l-konklużjoni tal-Moneyval.”

Il-PN staqsa għaliex Abela ddefenda lil Cuschieri u għaliex, b’kuntrast, l-MFSA ġiegħlet jew talbet lil Cuschieri jissospendi ruħu. Staqsa wkoll min qed imexxi l-investigazzjoni fuq dan u jekk hux se jinħatar bord indipendenti.

Ġie mtenni l-appell tal-PN biex il-PM jitlob liċ-chairpersons tal-entitajiet pubbliċi kollha li jiddikjaraw pubblikament kull każ ta’ kunflitt ta’ interess bħal dan li jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom. Il-Partit tenna li l-Prim Ministru Robert Abela jrid jgħid meta sar jaf b’dan il-vjaġġ.

Editorjal ta’ Fr Joe Borg
Kick him out today