Joseph Cuschieri bidel il-ħsieb u se joħroġ għall-elezzjoni

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista u l-Ewroparlamentari Joseph Cuschieri llejla tefa' n-nomina tiegħu bħala Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fil-komunikazzjoni tiegħu mal-midja, Cuschieri qal li aktar tard se jinforma lill-midja bir-raġunijiet dwar din id-deċiżjoni.
Aktar kmieni llum fuq Facebook, Joseph Cuschieri kiteb li "llum l-aħħar ġurnata ta' ħidma fi Brussell għal din il-leġiżlatura." Żied jgħid li kien ta' unur u privileġġ ghalih li jservi u jirrappreżenta lill-poplu Malti fil-Parlament Ewropew għall-aħħar sentejn u nofs. Qal ukoll li llum se jirritorna lura Malta.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, waqt il-programm Frux fuq Xejk TV, Cuschieri kien qal li mhux se jikkontesta fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Mejju li ġej għax ma jridx li jikkontesta f'elezzjoni li hi deċiża diġà.