Joseph Calleja jagħti spettaklu fuq il-fosos tal-Furjana

Joseph Calleja, Ritratti NNG Promotions

It-tenur Malti Joseph Calleja għal darb’oħra paxxa lill-eluf ta’ Maltin u mistiedna oħra li attendew għall-kunċert annwali.

Kważi sagħtejn ta’ kant, mużika u spettaklu fil-vuċi b’saħħitha ta’ Calleja tidwi fuq il-fosos tal-Furjana u l-madwar.

Hafna dillettanti tal-mużika Taljana apprezzaw id-dwett tat-tenur Malti mal-kantant Eros Ramazzotti li flimkien kantaw l-aqwa siltiet tal-artist Taljan fosthom ‘Se bastasse una canzone’ u  ‘Musica e’ ‘.

Waqt il-kunċert, Calleja ta l-opportunita’ lill-kantanta Maltija emerġenti Emma Muscat li ħadet sehem fil-programm televiziv Taljan ‘Amici’ tagħmel dwett kemm miegħu kif ukoll ma’ Eros Ramazotti.

Il-kantanti kienu akkumpanjati mill-mużika tal-Orekestra Filarmonika Nazzjonali kif ukoll kor ta’ 200 tifel u tifla.

Intant, il-bieraħ fit-tmiem il-kunċert, Calleja ħabbar fuq is-sit eletroniku tiegħu d-dettalji tal-kunċert tas-sena d-dieħla li se jsir fl-24 ta’ Awwissu flimkien mat-tenur Taljan Andrea Bocelli.