Joseph Bugeja nnominat biex imexxi l-Awtorità għat-Trasport

Read in English.

Joseph Bugeja se jiġi nnominat mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, biex iservi l-irwol ta’ Ċermen fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li din in-nomina se tiġi ppreżentata minn Dr Borg lill-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.  Il-Ministru se jkun qed jitlob li l-għażla tiegħu tgħaddi għall-iskrutinju mill-istess Kumitat.

Joseph Bugeja huwa magħruf sew fl-industrija marittima.  Fost l-oħrajn serva bħala Maniġer Ġenerali tas-Sea Malta għal seba’ snin u Kap Eżekuttiv u Membru tal-Bord tal-Malta Maritime Forum mis-sena 2016 sal-lum. Huwa se jirriżenja minn kull kariga li għandu preżentament, biex ma jkunx hemm lok għal kunflitti ta’ interess.

Jekk jiġi kkonfermat, Joseph Bugeja se jkun qed ikompli wara James Piscopo, li fi żmien ġimagħtejn se jassumi l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tal-Artijiet.