Josef Caruana b’messaġġ ta’ intimidazzjoni lill-akkademiċi – Hyzler

Read in English.

Josef Caruana, uffiċjal appuntat bħala person of trust fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru instab li kiser l-etika meta ppubblika l-ismijiet u n-numri tal-karti tal-identifikazzjoni ta’ għadd ta’ akkademiċi li ffirmaw petizzjoni li kienet qed issejjaħ għar-riżenja tal-eks PM Joseph Muscat.

Aktar minn 300 akkademiċi ffirmaw petizzjoni biex jirreżenja Joseph Muscat f’nofs il-kriżi politika li kienet fiha Malta ftit xhur ilu. Josef Caruana, li huwa eks-kandidat tal-PL għall-elezzjonijiet tal-MEPs attakka l-akkademiċi fuq Facebook. Qal li għaġlu biex wasslu għall-konklużjonijiet. Muscat irreżenja ftit wara hekk kif beda jiġi żvelat li aktar nies fil-qrib tiegħu kienu involuti b’xi mod fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Josef Caruana żvela wkoll l-ismijiet u n-numri tal-ID cards ta’ madwar 70 akkademiku fl-Università ta’ Malta li kienu laħqu ffirmaw il-petizzjoni.

Sadanittant fl-Università (University of Malta) s-suppost intellettwali tagħna jaslu malajr għall-konklużjonijiet … mhux f’ġieħ is-saltna tad-dritt!!!

Posted by Josef Caruana on Tuesday, December 3, 2019

L-akkademiċi kitbu lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data dwar il-kwistjoni u Caruana neħħa d-dettalji tagħhom wara ftit sigħat. Wieħed minn dawk li ffirmaw, il-Professur Arnold Cassola talab lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jinvestigaw il-każ.

Il-Kummissarju tad-Data sab li l-ilment li rċieva kien ġustifikat.

Intimidazzjoni minn Josef Caruana

F’korrispondenza li bagħat lil Hyzler, Josef Caruana ddefenda lilu nnifsu. Qal li l-informazzjoni li żvela kienet fid-dominju pubbliku u li kellu kull dritt jikkritika lill-akkademiċi.

Il-Kummissarju Hyzler qal li l-pubblikazzjoni tan-numri tal-karti tal-identità ma kinitx ġustifikata. Qal li imbilli l-petizzjoni kienet qed iddur bejn in-nies ma jfissirx li l-kontenut tagħha kien fid-dominju pubbliku.

Hyzler qal li kien inevitabbli li l-aġir ta’ Caruana jitqies bħala forma ta’ intimidazzjoni u li l-messaġġ li ngħata kien li “nafu min int”.

Hyzler qal li anke persons of trust għandhom jitqiesu bħala uffiċċjali pubbliċi u li huma obbligati li jaġixxu b’manjiera politika newtrali. Qal li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jirriflettu ħażin fuq l-amministrazzjoni pubblika.