Jorħsu 29 mediċina

29 prodott tal-mediċina se jiġu mraħħsa, fosthom mediċini li jintużaw biex jipprevenu l-formazzjoni ta’ emboli fid-demm, kif ukoll mediċini li huma indikati għall-osteoporożi fost oħrajn. Se jiġu wkoll introdotti 14-il mediċina ġenerika fis-suq Malti fosthom il-pre-exposure prophylaxis magħrufa bħala PrEP li tintuża biex tnaqqas ir-riskju tal-marda HIV.

Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur Deo Debattista waqt konferenza tal-aħbarijiet. Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat ġie spjegat li pazjent li jagħmel użu mill-mediċina Lyrica li tintuża għal uġigħ newropatiku se jkun qed jiffranka sa €50, hekk kif il-prezz traħħas b’67%. Mediċina oħra li se torħos hi dik li tintuża biex tnaqqas il-pressjoni fl-għajnejn u l-prezz se jonqos b’45% filwaqt li l-mediċina li tintuża għall-impotenza fl-irġiel se torħos b’30% u 10% roħs fuq mediċini kontra l-uġigħ.

PrEP se tkun fis-suq għall-prezz ta’ €95

Debattista ħabbar li l-pre-exposure prophylaxis jew PrEP se tkun fis-suq mill-ġimgħa d-dieħla. Din il-mediċina tintuża biex tnaqqas ir-riskju tal-marda HIV. Ġie spjegat li l-mediċina tikkonsisti f’emtricitabine u tenofovir. Din se tkun tista’ tinxtara mill-ispiżerji mill-ġimgħa d-dieħla bi prezz ta’ €95 għal 30 pillola.