Jorħsu 13-il mediċina, uħud minnhom bin-nofs

Mediċina tal-IVF, oħra għal uġigħ qawwi ħafna u waħda għal min ibati bid-dipressjoni u l-ansjetà huma fost 13-il prodott mediċinali li raħsu.
Minbarra dawn, 14-il mediċina ġenerika ġodda ġew approvati għas-suq Malti fl-aħħar xhur, skont lista li wera s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Deo Debattista.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Debattista rrimarka li dan kollu ma setax ikun possibbli kieku jma kienx hemm ħidma sfiqa bejn l-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).
Il-mediċini tal-IVF u l-uġigħ qawwi ħafna se jorħsu bin-nofs, imbagħad is-Seroxat, li tintuża minn min għandu d-dipressjoni jew l-anzjetà, se torħos ukoll b’50%.
Fost il-mediċini l-ġodda murija fil-lista hemm mediċini li jintużaw għad-demensja, dipressjoni, għall-aċtu fl-istonku u għall-kolesterol għoli.
Bl-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-mediċini, il-pazjenti jistgħu jiffrankaw sa 59%.
Is-Segretarju Parlamentari temm ifakkar lill-pubbliku li l-ispiżjara qegħdin għad-dispożizzjoni tagħhom, mhux biss b’tagħrif dwar l-użu tal-mediċini, iżda wkoll għal informazzjoni utli dwar l-għażla tal-mediċini fis-suq.
Ritratti: DOI – Kevin Abela