Jitħabbar roħs fiċ-ċilindri tal-gass; “il-prezz għalissa l-istess” – Liquigas

Read in English.

Il-Ministeru għall-Enerġija ħabbar li minn għada, il-prezz taċ-ċilindri tal-gass se jkun qed jorħos. Madanakollu, il-kumpanija Liquigas Malta, li tforni ċ-ċilindri tal-gass qalet li ma ġietx ikkonsultata dwar roħs tal-prezzijiet.

Fi stqarrija, il-Gvern spjega li r-roħs imħabbar mir-regolatur taċ-ċilindri LPG, minn għada se jkun ifisser li ċ-ċilindri ta’ 12kg se jonqsu b’€1. Dan ifisser li minn €16, se jibda jiswa €15. Madanakollu l-Liquigas qalet li dan se jibqa’ jiswa €16 sakemm jiddiskutu f’laqgħa mal-Gvern.

Il-Gvern kompla jgħid li ċ-ċilindri tal-25kg se jkunu qed jorħsu b’€2.05. Jiġifieri minn €33.30 il-prezz minn għada se jinżel għal €31.25.

Fl-istqarrija, il-Ministeru qal li dan ir-roħs ġie fi żmien fejn il-ħaddiema qed jirċievu anke għajnuna oħra mill-Gvern sabiex ikunu ssalvagwardjati l-impjiegi tagħhom b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.

Liquigas Malta b’laqgħa urġenti mal-Gvern

Liquigas Malta Ltd, bħala fornitur ewlieni tal-gass f’Malta, talbet laqgħa urġenti mal-Ministru għall-Enerġija wara li fi kliemha l-aħbar tal-lum saret “mingħajr konsultazzjoni”. Din il-laqgħa, li għandha ssir għada l-Erbgħa 1 ta’ April qed tissejjaħ biex tiċċara s-sitwazzjoni.

Il-prezz tal-gass mhux f’idejn il-Gvern – PN

Intant, il-Partit Nazzjonalista (PN) insista li l-prezz tal-gass f’Malta huwa rregolat skont il-prezz li jixtru bih iż-żewġ impurtaturi privati, u grazzi għall-ħidma ta’ dawn li kien possibbli li jorħos iċ-ċilindru tal-gass.

Fi stqarrija, il-Partit spjega li jilqa’ b’sodisfazzjon ir-roħs iżda stqarr li dan “mhux frott ta’ xi ħidma sfiqa min-naħa tal-Gvern”.

Żied jgħid li ma kienx hemm tibdil fejn jidħlu prezzijiet oħra ta’ fjuwil bħal petrol u diesel, kif ukoll fil-prezz tal-elettriku, fejn “il-gvern seta’ jkollu iktar kontroll f’idejh”.