Jordan Azzopardi jerġa’ ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Jordan Azzopardi reġa’ ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti qalet li għadha mhux konvinta kemm tista’ tafda lill-akkużat.

L-Avukati tad-difiża Joe Giglio, co Debono u Amadeus Cachia fil-Qorti argumentaw li dan il-każ ilu għaddej minn Marzu 2019.

Azzopardi għadu qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Huwa jinsab akkużat bi 15-il akkuża fosthom traffikar tal-eroina, kokaina u cannabis. It-tfajla ta Jordan qiegħda tiġi akkużata b’akkużi simili tas-sieħeb tagħha.

L-Avukati tad-difiża fl-argument tagħhom quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke qalu li l-klijent tagħhom għandu jkun preżunt innoċenti u persuni oħra fuq reati iktar gravi ngħataw il-ħelsien mill-arrest.

Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni argumentat li se toġġezzjoni minħabba li ma tistax tafda li l-akkużat se jżomm mal-kundizzjonijiet kif ukoll il-biża’ li jaħrab mill-pajjiż.

Għal dan l-argument id-difiża qalet li jekk mhux se jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża li wieħed jista’ jaħrab mill-pajjiż allura ħadd ma jingħata l-ħelsien mill-arrest. Żiedu li kien hemm persuni li ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li nqabdu jimpurtaw jew jittraffikaw mal-100 kilogramma droga.

Min-naħa tagħha l-Qorti kkonkludiet li għadha mhux konvinta kemm l-akkużat se jobdi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u għalhekk irrifjutat il-ħelsien mill-arrest ta’ Jordan Azzopardi.

Il-prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Ispetturi Mark Mercieca, Justine Grech u Nicholas Vella li huma assistiti mill-avukati Elaine Mercieca u Anna Marie Cutajar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.