Jordan Azzopardi jammetti li partat droga ma’ apparat misruq; sentenza sospiża

Read in English.

L-allegat traffikant tad-droga Jordan Azzopardi, imsejjaħ l-El Chapo ta’ Malta, ammetta l-ħtija f’każ separat dwar li partat drogi ma’ apparat misruq. Hu ngħata sentenza sospiża.

Il-każ ħareġ wara li r-raġel, aktar kmieni f’Awissu, ġie akkużat li rċieva apparat elettroniku misruq li jammonta għal madwar €32,000 bi tpartit mad-droga. Il-każ beda propju wara li student Iranjan, Mohammed Kaveh Tahmasebi Ghareh Shiran ta’ 24 sena, li kien ħallas għal xi sitt mobiles u laptops f’cheque book misruq. F’Marzu li għadda, hu kien tressaq il-Qorti u weħel erba’ snin ħabs.

Aqra: Joħorġu aktar dettalji fil-każ ta’ ‘El Chapo ta’ Malta’ Jordan Azzopardi

Iż-żagħżugħ għall-ewwel ma riedx jiżvela min kien li ssupplixxieh bid-droga, iżda eventwalment kien qal lill-Pulizija li l-prodotti misruqa allegatament jinsabu għand Azzopardi, li għandu 30 sena u li bħalissa jinsab resident fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Tiftix li kien sar f’razzett fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar li kien qed jiġi mikri minn Azzopardi wassal sabiex jinstabu l-prodotti misruqa kif ukoll l-irċevuti tagħhom. B’hekk, infetħet kawża oħra fil-konfront ta’ Azzopardi.

Aqra: “Siringi, ħġieġ imkisser; domt xhur innaddaf il-ħmieġ li ħalla Azzopardi”

Il-Qorti tatu 13-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li kkunsidrat li l-prodotti misruqa ġew irritornati u li kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat li sentenza ħabs ma kinitx se tkun sentenza adegwata għall-każ partikolari.

Aqra: ‘El Chapo’ ta’ Malta: Kien jirċievi t-telefonati mill-ħabs qabel kien arrestat

Aqra: ‘Ħaddiem’ ta’ El Chapo akkużat li traffika d-droga; jinħeles mill-arrest