Joqtol tifla ta’ 13-il sena wara li qaltlu li kienet tqila fl-Ingilterra

Raġel qatel tifla ta’ 13-il sena b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina wara li din spiċċat tqila hekk kif kien ilu sena jabbużaha sesswalment.

Dan ġie rrappurtat mill-BBC skont dak li ħareġ fil-Qorti Ingliża. Ġisem Lucy McHugh instab qalb is-siġar fiċ-ċentru tal-isport ġewwa Southampton fis-26 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet.

Il-Winchester Crown Court semgħet lill-prosekuturi jgħidu l-care worker Stephen Nicholson, ta’ 25 sena kellu interess f’relazzjonijiet sesswali ma’ persuni minorenni. Hu qal li mhux ħati mill-qtil. Hu wieġeb mhux ħati wkoll li wettaq attivitajiet sesswali mat-tifla u li stupraha tliet darbiet meta kellha 12-il sena.

Fil-Qorti nstema’ li t-tifla nqatlet fil-25 ta’ Lulju filgħodu u ġisimha nstab l-għada minn persuna li kienet sejra passiġġata bil-kelb. It-tifla sofriet minn daqqiet ta’ sikkina f’għonqha u l-parti ta’ fuq ta’ ġisimha. B’riżultat ta’ dan hi żvinat sakemm mietet.

Intqal ukoll li propju l-lejl ta’ qabel ma nqatlet, it-tifla kienet bagħtitlu messaġġ fuq Facebook tgħidlu li kienet tqila.

Il-każ għadu qed jinstema’ fil-Qorti Ingliża.