Joqtol qattus fil-pubbliku f’Għajn Tuffieħa

Mara li lbieraħ kienet qed tiekol f’restorant f’Għajn Tuffieħa ddeskriviet xena xokkanti li rat b’għajnejha stess hekk kif raġel qabad isawwat qattus sakemm qatlu fil-pubbliku.

Fuq post fil-grupp RUBS PUPPY LOVE, tfajla spjegat li l-qattus, li kien għadu ferħ mexa lejn il-mejda fejn kienet hi u ma beda jdejjaq lil ħadd. Spjegat li dak il-ħin, mara anzjana għamlet sinjal lil raġel anzjan li kien bilqiegħda ma’ mejda viċin tat-tfajla.

Spjegat li l-anzjan qam u gerrex lill-qattus, li beża’ u ħarab jiġri ‘l barra mir-restorant. Spjegat li r-raġel segwih u qabad isawwtu sakemm qatlu.

It-tfajla insistiet li kienu bosta turisti u persuni li ppruvaw iwaqqfuh imma dan kien kollu għalxejn. Qalet li rrappurtat lil waiter, iżda li ma ħax azzjoni immedjata imma aktar tard irrapporta l-każ lill-maniġer.

Sostniet li l-maniġer qalet li l-mara anzjana kienet ommha u li r-raġel kien jitfaċċa ta’ spiss fir-restorant tagħha sabiex igerrexx lill-pubbliku. Intant it-tfajla spjegat li rat lill-anzjani jitilqu mill-post fl-istess karozza ftit tal-minuti wara.

F’post fuq Facebook, ir-restorant sostna li jinsab diżgustat bl-inċident li seħħ barra l-bibien tiegħu u li ssottomettew rapport lill-Pulizija kif ukoll għamlu kuntatt mal-Animal Welfare.

Sostnew li bħala restorant dejjem laqgħu l-annimali b’idejhom miftuħa u saħansitra, l-ewwel xogħol ta’ kull filgħodu għas-sid tar-restorant huwa li jitma’ n-numru kbir ta’ qtates li jgħixu mad-dawra tiegħu.