Joqtol persuna f’Għawdex; ordnat iħallas €88,000

Read in English.

Gerald Galea ġie ordnat iħallas is-somma ta’ €88,806.26 lil Rose Spiteri u wliedha f’kumpens wara li l-akkużat kien instab ħati li fl-2013 tajjar raġel u qatlu fil-Qbajjar Għawdex.

Il-każ seħħ f’Ġunju tal-2013 fil-parkeġġ tal-Qbajjar f’Għawdex. Fil-Qorti it-tifel tal-vittma, Matthew Spiteri, kien spjega x’ġara dakinhar tal-inċident. Spiteri spjega li hu għandu gabbana tal-ikel u fis-sajf kien jarmaha fil-parkeġġ tal-Qbajjar Promenade. Dak is-sajf kellu jkun ir-raba’ sajf li jarmaw f’dan il-post u kellu l-permessi kollha meħtieġa. Dakinhar huwa flimkien ma’ missieru kienu fuq il-post jistennew lil persuni responsabbli biex jgħaddu d-dawl jaslu fuq il-post. Sakemm jaslu Matthew u missieru kienu qed jiżbru siġra. Matthew rrakkonta li kif rahom Galea beda jiġġieled magħhom u qallhom li kien se jirraportahom il-pulizija. Sakemm Matthew kien qed jieħu n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza, missieru ta daqqa ta’ ponn lill-aggressur. Sakemm mar iżommu, Matthew induna li missieru kellu d-demm nieżel minn ma’ xofftu.

Fil-Qorti Matthew kien spjega li dak il-ħin l-aggressur beda jirrejżja l-vettura tiegħu u baqa’ jgħajjat ma’ missieru filwaqt li beda jsuq perikoluż. Galea deher isuq dritt għal ġo missieru u bid-daqqa tefgħu fuq il-bonnett tal-karozza tiegħu u baqa’ jsuq bih għal madwar għaxar piedi sakemm il-vittma waqa’ mal-art. Dak il-ħin l-aggressur għadda minn fuq il-vittma bl-erba’ roti tal-karozza u sakemm ibnu kien ħdejh kien se jgħaddi minn fuqu jerġa’ iżda biddel id-direzzjoni fl-aħħar ftit u baqa’ dieħel ġo siġra. Matthew kien spjega li missieru kien ittieħed l-isptar madankollu huwa miet ftit tal-ħin wara.

Il-mara tal-vittma qalet li dan l-inċident ħalla impatt fuqha u kemm hi kif ukoll binha Matthew kellhom jattendu għall-għajnuna psikjatrika. Qalet ukoll li hija għamlet ammont ta’ xhur ma tmurx għax-xogħol bil-konsegwenza li kienet mingħajr paga. Fit-13 t’Ottubru 2017, l-attur kien instab ħati u ġie kkundannat 15-il xahar priġunerija, multa u l-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża.

Għat-talba tal-vittmi biex jingħataw kumpens għal dak li ġara l-Qorti ordnat li Galea għandu jħallas is-somma ta’ €88,806.26 lill-mart il-vittma.