Joqtol lill-eks sieħba tqila b’21 daqqa ta’ sikkina fir-Renju Unit

Raġel li ta 21 daqqa ta’ sikkina lill-eks sieħba tiegħu li kienet tqil waqt l-irqad instab ħati bil-qtil tagħha.

Fil-Qorti Ingliża nstema’ kif Aaron McKenzie ta’ 26 sena, daħal fid-dar tal-familja ta’ Kelly Fauvrelle fi Croydon u tagħha 21 daqqa ta’ sikkina waqt li kienet rieqda fid-29 ta’ Ġunju tal-2019. Hu nstab ħati wkoll tal-qtil tat-tarbija, Riley, li mietet fl-isptar erbat ijiem wara.

McKenzie, li hu minn Peckham, se jkun qed jirċievi s-sentenza li jrid jiskonta għad-delitt fis-17 ta’ Lulju.

Il-Qorti semgħet kif McKenzie kien iħoss li hu mhux importanti, mitluf u li ħadd ma jridu jew għandu bżonnu. Dan wara li r-relazzjoni ma’ Fauvrelle intemmet kmieni s-sena li għaddiet. Fauvrelle qalet lill-ommha li r-relazzjoni kienet tossika iżda li ma kinitx se tirrifjuta l-aċċess tiegħu għall-wild tagħhom.

Ħareġ kif McKanzie daħal fil-kamra ta’ Fauvrelle f’Thornton Heath u attakkaha. Hu kkawżala “ġrieħi katastrofiċi” meta kellha 33 ġimgħa tqala. It-tifel tagħhom Riley twiled wara ċesarja, iżda miet ftit wara.

Fid-dar kien hemm ommha, iż-żewġ ħutha subien, oħtha u t-tarbija ta’ oħtha.

Il-ġurija semgħet kif McKenzie aktar tard mar għal lezzjoni tas-sewqan, qabel ma pprova jgħaddi lilu nnifsu bħala vittma waqt li l-istaff bdew jippruvaw isalvaw il-ħajja tat-tarbija.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-evidenza li ġabret tinkludi konfessjoni ta’ McKenzie fejn ħa r-responsabbiltà tal-qtil qabel ma ddeċieda li jibdel l-istorja u jweħħel l-azzjonijiet tiegħu f’diffikultajiet li kellu biex jitgħallem u d-dipressjoni.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi ta’ qtil u pussess ta’ armi offensivi. Minkejja dan, il-ġurija sabitu ħati fuq l-akkużi kollha wara madwar tliet sigħat.