Joqtol lil ommu għax it-te ma kellux biżżejjed ħalib

Raġel ammetta quddiem il-Qorti li qatel lil ommu wara argument fuq tazza te.
Thomas Westwood, ta numru ta’ daqqiet ta’ sikkina lil ommu Susan Westwood fid-dar tagħha f’Coventry, fl-Ingilterra f’Diċembru li għadda.
L-agressur ġie arrestat wara li l-mara ta’ 68 sena nstabet fid-dar tagħha b’total ta’ 17-il daqqa ta’ sikkina.
Hu qal li l-ġlieda nqalgħet wara li kien għamel tazza te lil ommu u qaltlu li ma kienx fih biżżejjed ħalib.
Ir-raġel li għandu 46 sena qal li ommu kienet tibbuljah kuljum u li kienet hi li bdiet l-attakk bis-sikkina.
Membri familjari oħra tagħha qalu li kienet mara umli, ġeneruża u li verament taf tħobb u li ma kelliex titlef ħajjitha b’mod daqshekk krudili.
Ilbieraħ beda jinstema l-każ ta’ Westwood quddiem il-Qorti Ingliża fejn ir-raġel qal li hu ħati tal-qtil. Is-sentenza mistennija tinqata’ fit-3 ta’ Awwissu.