Joqtol lil Angela Debono għax ma riditx tabib

Wieħed mill-aktar każijiet li dejjem jibqa’ pinġut f’moħħ Edward Attard, li għal snin twal kien jaħdem fuq il-pubblikazzjonijiet tal-Pulizija, huwa dak ta’ raġel li qatel lil martu għax ma riditx iċċempel lit-tabib.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Attard irrakkonta waħda mill-istejjer li ltaqa’ magħhom meta kien qed jiġbor kumpilazzjoni tal-omiċidji, inkluż serje ta’ femiċidji, li saru f’Malta mill-1800 sal-lum. Il-femiċidju huwa meta tinqatel mara, minn raġel, abbażi tal-ġeneru tagħha.

Spjega kif fl-1983, Angela Debono, li kellha 68 sena, kienet qed tħossha ma tiflaħx u xtaqet tibqa’ fis-sodda tistriħ. Ir-raġel tagħha, Salvatore Debono, ta’ 61 sena qalilha biex iġġib tabib sabiex jaraha, iżda hi ma riditx iġġib lit-tabib li xi żmien qabel kien qalilha biex tgħamel xi testijiet mediċi. Kien hawn li r-raġel qalilha li jekk ma tridx iġġib tabib trid tqum mis-sodda. Din it-tilwima kibret tant li wasslet sabiex ir-raġel joqtol lil martu. Il-koppja kellhom ‘il fuq minn 60 sena.

Ir-raġel kien tressaq il-Qorti, u tliet snin wara, jiġifieri fl-1986 kien intbagħat tmien snin il-ħabs wara li ammetta l-qtil ta’ martu.

L-intervista ġiet ftit jiem wara li żewġ nisa bdew kumpilazzjoni estensiva ta’ każijiet ta’ nisa li nqatlu vittmi ta’ vjolenza domestika u femiċidju f’pajjiżna mill-1981. Il-lista bdiet tiġi kkumpilat hekk kif il-ġimgħa li għaddiet seħħ ir-raba femiċidju f’Malta għal din is-sena, fejn Lourdes Agius inqatlet f’Raħal Ġdid. Is-sieħeb tagħha qed jiġi akkużat bil-qtil tal-omm ta’ sitt itfal.