Joqtol ħames persuni; jeħel għomru l-ħabs

Reuters

Is-suldat Amerikan li kien qatel ħames persuni wara li spara numru ta’ tiri f’ajruport fi Florida s-sena l-oħra ntbagħat għomru l-ħabs.

Estaban Santiago, li għandu 28 sena u kien serva waqt il-gwerra fl-Iraq kien wieġeb ħati tal-attakk f’Mejju li għadda. Hu kien beda jispara tiri viċin il-conveyor belt tal-bagalji fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Fort Lauderdale-Hollywood fis-6 ta’ Jannar tal-2017.

Hu rnexxielu jaħrab mill-piena tal-mewt wara ftehim mal-prosekuturi. Minflok ingħata ħames sentenzi konsekuttivi ta’ għomor il-ħabs, segwiti minn 120 sena ħabs mingħajr id-dritt li jappella s-sentenza.

L-Imħallef kienet iddeċidiet li tisma’ l-każ daqshekk tard sabiex taċċerta li l-familji tal-vittmi jkunu jistgħu jkunu preżenti.

Santiago beda l-attakk tiegħu wara li ħa l-bagalja tiegħu minn fuq il-conveyor belt u minnha ħareġ pistola. Minbarra li qatel ħames persuni darab sitta oħrajn. Wara li ħela l-balal kollha niżżel il-pistola mal-art u ta ruħu lill-Pulizija.

Skont psikoloġista, Santiago kien ġie dijanjostikat bl-iskiżofrenija, madanakollu l-Imħallef iddeċidiet li kien mentalment stabbli sabiex jgħaddi ġuri.