Joqtol 5 persuni fl-Istati Uniti; iċempel lill-Pulizija hu stess

FILE PHOTO: Zephen Xaver, 21, a suspect in the shooting at the SunTrust Bank in Sebring, south of Orlando, Florida, U.S., is seen in this booking photo released on January 23, 2019. Courtesy Highlands County Sheriff's Office/Handout via REUTERS

Raġel armat b’arma tan-nar daħal f’bank fi Florida fejn qatel ħames persuni, imbagħad ċempel lill-Pulizija sabiex jinfurmhom li kien qed iseħħ l-attakk. Eventwalment hu radd ruħu b’idejh skont l-awtoritajiet tal-lokal.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6.30pm ilbieraħ, fil-bank SunTrust f’Sebring, villaġġ li fih joqgħodu madwar 10,000 persuna fin-Nofsinhar ta’ Orlando.

Skont Reuters, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena, li ġie identifikat bħala Zephen Xaver, ċempel fuq 911 u qalilhom li kien spara lil ħames persuni f’bank. Meta l-Pulizija daħlu fil-bank, l-aggressur issakkar ġewwa, pero aktar tard radd ruħu b’idejh. Madanakollu ma offrew l-ebda raġuni dwar x’seta’ kien il-mottiv wara dan l-attakk.

Sa issa, għad ma hemm l-ebda informazzjoni dwar il-vittmi li tilfu ħajjithom kawża ta’ dan l-attakk. Intant, kelliema għall-bank qalet li qed jagħmlu minn kollox sabiex jassistu l-persuni kollha li kienu preżenti waqt li twettaq l-attakk.