Joqtluha waqt rit sataniku; issir Beata

L-aħħar kliem tagħha kienu “Aħfrilhom Mulej.”

Suor Mainetti
Suor Laura Mainetti. Ritratt minn vaticannews.va

Fis-6 ta’ Ġunju 2000, Suor Laura Mainetti, inqatlet minn tliet tfajliet, wara li ntgħażlet biex tkun il-vittma tagħhom waqt rit sataniku u patt tad-demm li dawn għamlu bejniethom. L-aħħar kliem tagħha kienu “Aħfrilhom Mulej.”

Fid-19 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku approva l-Beatifikazzjoni ta’ erba’ persuni li fosthom hemm Suor Laura Mainetti, mill-kongregazzjoni ta’ Ulied tas-Salib li nqatlet “għall-mibegħda lejn il-fidi” minn tliet tfajliet nhar is-6 ta’ Ġunju 2000 F’Chiavenna, l-Italja. Suor Mainetti se tiġi ddikjarata Martri.

Dan il-qtil brutali kien fil-gazzetti Taljani għal ġranet sħaħ. It-tliet tfajliet, Ambra Gianasso, Veronica Pietrobelli u Milena De Giambattista, li dak iż-żmien kellhom bejn 16 u 17-il sena qalu li l-għażla kienet waqgħet fuq is-Soru għaliex kienet fiżikament żgħira.

Inqatlet għax żgħira

“Għal xi żmien, kellna f’moħħna li noqtlu Reliġjuż, ikun min ikun,” kienu qalu t-tfajliet waqt l-interrogazzjoni li stqarrew li “għall-ewwel konna qed naħsbu f’xi qassis, imma mbagħad, tlett ijiem qabel, qbilna li noqtlu lis-soru.” Jidher li waħda mill-persuni li kellhom f’moħħhom li joqtlu kien il-Kappillan tal-post, iżda kkalkulaw li ma kienx ser ikollhom il-forza jegħlbuh.

Mal-lejl tas-6 ta’ Ġunju 2000, għal-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija, Milena De Giambattista ċemplet lil Suor Laura u qaltilha li kienet ġiet stuprata u nqabdet tqila. Hi marret tiltaqa’ magħha u minflok iltaqgħet mal-mewt. Skont il-qattiela, Suor Laura Mainetti talbet lil Alla “Mulej aħfrilhom.”

Il-patt sataniku li kienu għamlu bejniethom wassalhom sabiex iqarrqu bis-Soru, u filwaqt li ħaġġruha bil-ġebel, sabtulha rasha mal-ħajt u tawha sitt daqqiet ta’ sikkina kull waħda, madanakollu nstabu 19-il daqqa ta’ sikkina, id-daqqa mortali. Ambra Gianasso weħlet 12-il sena u 4 xhur u ż-żewġ tfajliet l-oħra weħlu tmien snin u nofs rispettivament.

Wara li ħarġu mill-ħabs, bidlu isimhom, marru jgħixu post ieħor u llum għandhom il-familji tagħhom.

Suor Laura

Imwielda fl-1939 kienet l-10 wild tal-familja u ommha mietet ftit wara li twieldet. Hi ħadet il-professjoni reliġjuża ta’ 20 sena u kienet twettaq ħidma fit-Tramuntana tal-Italja.