Joqtlu l-fniek fit-triq u jbigħuhom mill-vannijiet

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li bejjiegħa qed iduru b’vann fejn fih qed iżommu fniek fil-gaġeġ biex joqtluhom u jbigħuhom għall-ikel lin-nies li jieqfu jixtru.
Jirriżulta li saru rapporti lill-Pulizija dwar dawn il-każi u nġibdet ukoll l-attenzjoni fil-midja soċjali.
San Ġwann hija waħda mill-lokalitajiet fejn intlemħu dawn il-bejjiegħa tal-fniek mill-vann.
Kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali sostniet ma’ Newsbook.com.mt li huwa inaċċettabbli li l-annimali jinqatlu biex jinbiegħu lin-nies b’dan il-mod.
Il-qatla tal-fniek huwa regolat mill-Avviż Legali 165/2011 li kien ippubblikat taħt il-Kap 449 tal-liġi. Jirriżulta li ma hemm l-ebda proviżjoni fir-regolamenti li qtil jsir fil-beraħ jew fi swieq pubbliċi. Persuna tista’ toqtol fenek fid-dar għall-konsum tagħha u kull min għandu inqas minn 50 fenek jista’ joqtol fenek fuq il-post fejn irabbihom biex ibiegħhom mill-post fejn jitrabbew.
Mill-banda l-oħra, is-swieq u l-ħwienet huma rregolati mid-Dipartiment tas-Sanità.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li dwar dawn il-każi ta’ bejgħ ta’ fniek mill-vann ma waslux rapporti għand-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.
Kelliem qal li jekk jaslu r-rapporti, id-Dipartiment ikollu jgħaddihom lis-sanità għaliex huma responsabbli li jikkontrollaw lill-bejjiegħa.