Joqrob fi tmiemu l-ġbid ta’ Ħbieb u Għedewwa

Qed joqrob fi tmiemu l-ġbid tas-sitt u l-aħħar staġun tas-sensiela Ħbieb u Għedewwa li bħalissa qed tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-3.45pm fuq l-istazzjon Melita More, Cable Channel 315.

Bosta atturi diġà ffilmjaw l-aħħar xeni tagħhom u oħrajn waslu biex jaħdmuhom.

Maree Camilleri li tinterpreta lil Winnie qalet li dan huwa tmiem kapitlu f’ħajjitha ta’ 6 snin ta’ xogħol iebes, dedikazzjoni u sodisfazzjon.

Oħrajn li temmew jaħdmu x-xeni kollha tagħhom hemm Sharon Ferris Genovese (Jamie), Mandy Grimaud (Lina) u Karen Magro (Sandra).

Tlestew ukoll ix-xeni ta’ Frankie, Nadia u l-familja tagħhom, b’karattri interpretati minn Clayton Zammit, Simone Zammit, Maryrose Vella Haber u Ritianne Dea Sammut. Anki l-attur Sonic-J Aquilina (il-Minċott) lesta x-xeni tiegħu.

Bi ftit xeni oħra biex jitlestew biex is-sensiela tkun inġibdet kollha, ħafna huma dawk li qed jistaqsu meta se tixxandar il-puntata finali u nsitgħu ngħidulkom li din se tkun nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu.

Sadattant Rewind, il-kumpanija li tipproduċi din is-sensiela, qed taħdem fuq aktar proġetti biex tkun tista’ tippreżenta lill-pubbliku fl-iskedi tal-ħarifa.