Joqrob fi tmiemu l-ġbid ta’ F’Ġieħ l-Imħabba

F'Ġieħ L-Imħabba

Filwaqt li fuq it-televiżjoni qed naraw il-bidu tal-puntati tat-tieni u l-aħħar staġun tas-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba, it-tim tal-produzzjoni Rewind, jinsab impenjat fil-ġbid tal-aħħar xeni li se jkunu qed jintwerew f’Ġunju li ġej. Il-kumpanija tal-produzzjoni, li wkoll qed twassal is-sensiela Sorelle mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq TVM, impenjat ruħha biex, minkejja ċ-ċirkostanzi preżenti, ħadmu b’mod kontinwu biex jitlestew l-episodji kollha. Huma ħadu wkoll il-prekawzjonijiet neċessarji biex jassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-crew u l-atturi kollha involut f’din il-produzzjoni.

Dawn il-puntati, li nġibdu proprju dalgħodu, se jkunu qed jeħduna lura fiż-żmien u se nkunu qed naraw mill-ġdida lil Evelyn Saliba La Rosa u Mark Mifsud fil-karattri ta’ Francesca u Antonino (Totò), li proprju kienu fost il-protagonisti tal-ewwel puntati tal-ewwel staġun.

B’hekk ikunu qed jitwieġbu r-risposti tal-bosta segwaċi ta’ din is-sensiela li ħolqot ħafna kurżità mill-bidu tagħha f’Ottubru tas-sena l-oħra.

Bi produzzjoni ta’ Rewind, F’Ġieħ L-Imħabba għandha kitba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa. Għal din il-ġimgħa, F’Ġieħ L-Imħabba mhux se jkun qed jixxandar minħabba fix-xandir tal-Budget. Il-puntata li jmiss se tkun qed tixxandar it-Tlieta 3 ta’ Novembru, dejjem wara l-aħbarijiet tat-8pm fuq TVM.