Joperaw moħħ ta’ pazjent b’ieħor; 4 tobba sospiżi

Erba’ tobba fil-Kenja ġew sospiżi wara li operaw moħħ ta’ pazjent b’ieħor fi sptar f’Nairobi.
Wieħed mill-pazjenti kellu bżonn intervent biex jitneħħielu demm miġmugħ f’moħħu, filwaqt li l-ieħor kellu jingħata biss trattament għal nefħa.
Iżda żball fit-tags bl-ismijiet tal-pazjenti wasslu biex fis-sala tal-operazzjonijiet iddaħħal pazjent b’ieħor.
It-tobba rrealizzaw bl-iżball sigħat wara li bdew joperawh, meta ndunaw li ma kienx hemm demm miġmugħ.
Il-Kap tal-Isptar Nazzjonali Kenyatta qalet li l-pazjent qed jirkupra tajjeb. Żiedet tgħid li tista’ ma ssirx operazzjoni fuq il-pazjent bid-demm miġmugħ, għax il-kundizzjoni tiegħu qed titjieb.
Sitt ġimgħat ilu fil-Kenja, il-Ministeru tas-Saħħa ordna investigazzjoni dwar allegati attakki sesswali fuq ommijiet ġodda fl-istess sptar.