Jonqsu t-talbiet għad-danni kkawżati minn qtugħ fl-elettriku

Mar id-dawl

Read in English.

Ċifri ppreżentati fil-Parlament jindikaw li fl-aħħar tliet snin naqsu t-talbiet għal kumpens li rċievet l-Enemalta minħabba ħsarat ikkawżati mill-qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

Għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli spjegat kif filwaqt li fl-2017 kien hemm 234 talba għad-danni, fl-2018 dawn naqsu għal 174, fl-2019 telgħu għal 185 u din is-sena reġgħu niżlu għal 149.

L-aktar xahar li fih l-Enemalta rċievet talbiet għad-danni kien f’Marzu 2017 b’total ta’ 40 talba. Il-medja ta’ talbiet hija ta’ 15 fix-xahar.

Nhar is-Sibt li għadda filgħaxija, diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex kienu għal xi ħin bla provvista tal-elettriku. Skont l-Enemalta dan minħabba ħsara fl-interconnector.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li meta nqatgħet il-provvista tal-elettriku, f’temp ta’ tmien minuti bdew jinxtegħlu l-lokalitajiet biex f’inqas minn 40 minuta, il-maġġoranza tal-lokalitajiet reġa’ kellhom l-elettriku.