Jonqsu lill-Qorti billi ma jippreżentawx ir-rapport tal-VGH

Il-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali naqqsu milli jippreżenta kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni li ntalab mill-Qorti lbieraħ. Il-Imħallef Francesco Depasquale lbieraħ ordna li l-Qorti tara r-rapport li l-eks Ministru Konrad Mizzi kkwota minnu għal diversi drabi jiġi ppreżentat fil-Qorti. Spjega li dan għandu jiġi ppreżentat fil-Qorti biex jiġu vverifikati u kkorroborati l-fatti li qal Mizzi.

Il-kawża nfetħet mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għaliex qed jitlob li l-isptarijiet ipprivatizzati f’kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare jerġgħu lura għand il-poplu.

Peress li l-kawża nfetħet ukoll kontra l-Prim Ministru, l-avukat ta’ Delia stqarr li jekk ir-rapport ma jinstabx ikun nuqqas tal-Prim Ministru għaliex huwa jmexxi l-Gvern.

Meta mistoqsi mill-Imħallef, l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li la l-Avukat Ġenerali u lanqas il-Prim Ministru m’għandhom dan ir-rapport. Stqarr li d-dokument qiegħed għand Projects Malta.

Il-Qorti tathom xahar u nofs ċans biex rappreżentant ta’ Projects Malta jittella’ bħala xhud biex jippreżenta r-rapport tal-Bord ta’ Evalwazzjoni msemmi minn Konrad Mizzi u rapporti oħra relatati.

Is-seduta tkompli fis-27 ta’ Jannar.