Jonqsu l-pulizija tat-traffiku wara s-sajf?

Diversi sewwieqa li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt jinsabu urtati wara li nnutaw li ma’ tmiem is-sajf, naqsu l-pulizija tat-traffiku li soltu kienu jidhru jikkontrollaw it-traffiku f’roundabouts ewlenin.
Fit-tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Korp tal-Pulizija ma speċifikax jekk fix-xhur tas-sajf ikunx hemm aktar pulizija tat-traffiku meta mqabbel ma’ perjodi oħra. Lanqas jekk ikunux stazzjonati l-aktar ħdejn roundabouts jew f’toroq arterjali.
Il-kelliem qal li 47 pulizija tat-traffiku jagħmlu rondi regolari madwar Malta u Għawdex u li l-Pulizija ssaħħaħ il-preżenza tagħha fit-toroq skont il-bżonn.
Żied jgħid li l-pulizija tat-traffiku huma lkoll fissi u ssir ronda kostanti fit-toroq kollha, kif ukoll superviżjoni ta’ postijiet strateġiċi matul is-sena kollha, kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija. Spjega kif f’każ ta’ attivitajiet li jitolbu aktar riżorsi, jista’ jiżdied il-ħin tax-xogħol tal-pulizija, biex b’hekk tissaħħaħ il-preżenza tagħhom.
Minn dawn is-47, disgħa mill-pulizija tat-traffiku huma stazzjonati f’Għawdex.