Jonqsu l-pazjenti fil-kura intensiva fl-Italja għall-ewwel darba

REUTERS/Susana Vera

Read in English.

Is-Sibt kienet l-ewwel darba minn mindu bdiet il-pandemija tal-coronavirus li naqsu l-pazjenti fil-kura intensiva fl-isptarijiet Taljani. Fi Spanja l-istat ta’ emerġenza se jiġi estiż bi 15-il ġurnata.

Fl-Italja n-numru ta’ mwiet żdied b’681 ilbieraħ għat-total ta’ 15,362. Din iż-żieda kienet inqas minn tal-jiem preċedenti. It-total ta’ każijiet fil-pajjiż tela’ għal 124,632 minn 119,827.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez ħabbar ilbieraħ li se jistaqsi lill-Parlament sabiex il-miżuri ta’ lockdown jiġu estiżi sas-26 t’April. Ir-rati ta’ infezzjonijiet u mwiet naqsu mill-ġdid fi Spanja, li hu wieħed mill-pajjiżi l-iżjed milquta mill-pandemija fid-dinja.

Sanchez qal hu u jindirizza lin-nazzjon li bdew jidhru r-riżultati tal-lockdown, imma wissa li din l-estensjoni ta’ 15-il ġurnata mhix se tkun l-aħħar waħda. Stqarr li jinsabu fil-bidu tat-tnaqqis tal-pandemija f’pajjiżhom.

Fl-Amerka, il-President Donald Trump qal lill-Amerikani li għandhom ilestu ruħhom għal ħafna mwiet din il-ġimgħa, peress li l-Istati Uniti qed jaffaċċja l-agħar ġimagħtejn tal-pandemija. Huwa ċaħad kritika li l-Gvern m’għamilx biżżejjed.

Fl-Istati Uniti hemm l-ogħla numru ta’ każijiet fid-dinja. 306,000 persuni huma infettati bil-coronavirus, filwaqt li 8,300 mietu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn