Jonqsu l-istudenti fl-iskejjel statali, jiżdiedu f’dawk tal-Knisja u dawk indipendenti

Fl-aħħar erba’ snin naqas il-proporzjon ta’ tfal u addolexxenti fi skejjel tal-istat waqt li żdied dak fi skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Franco Mercieca.
Matul is-sena skolastika li ntemmet f’Ġunju li għaddha, 25,235 student, jew 55.3% tal-popolazzjoni studenteska kienet tattendi fi skola tal-istat, tnaqqis ta’ 3.5% fuq erba’ snin qabel.
L-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja kienu 14,612 waqt li dawk fi skejjel indipendenti kienu  5,750 żieda ta' 1.9% u 1.5% rispettivament fuq is-sena skolastika 2010/11.
L-istatistika ppublikata fil-Parlament turi tnaqqis ta’ 36.7% fil-popolazzjoni studenteska fl-iskejjel tal-istat meta mqabbla mas-sena skolastika 2000/2001 – minn 39,883 għal 25,235. Ċifri għall-istess perijodu fir-rigward ta’ skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti ma ġietx ippubblikata.