Jonqsu l-immigranti irregolari li waslu Malta bejn Jannar u Lulju

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati f’Malta sostna li Malta qed tesperjenza tnaqqis fin-numru tal-wasliet ta’ immigranti irregolari li qed jaslu mil-Libja.
Dan jirriżulta mill-istatistika meta mqabbel mas-snin li għaddew.
In-Nazzjonijiet Magħquda iżda jwissu li bis-sitwazzjoni li kulma jmur qed tmur għall-agħar fil-Libja, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel radikalment.
Jingħad li jekk se ssir operazzjoni kbira ta’ evakwazzjoni mil-Libja, l-Gvern Malti jrid ikun ippreparat u jingħata l-għajnuna mill-komunità internazzjonali.
Matul din is-sena, sa’ issa waslu 308 immigrant li waslu Malta jew li ngħataw l-għajnuna mill-Forzi Armati ta’ Malta.
​L-akbar numru ta’ immigranti li waslu Malta kienu is-Somali bi 37%, warajhom is-Sirjani b’29%, l-Eritreani bi 17% u l-Libjani b’9%.  
Matul l-ewwel seba’ xhur tas-sena, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Malta irreġistra 560 talba għall-ażil mill-immigranti.
Ir-rapport jgħid li l-operazzjoni marittima mmexxija mit-Taljani, Mare Nostrum qed tgħid biex jonqsu l-wasliet tal-immigranti f’Malta.
Kienu aktar minn 85,000 l-immigranti li nġabru mill-baħar mill-bastimenti Taljani f’Mare Nostrum u ttieħdu l-Italja.
Għalkemm Mare Nostrum hija kkordinata tajjeb, in-Nazzjonijiet Magħquda qed isostnu li bejn Jannar u Lulju mietu aktar minn elf immigrant fil-baħar Mediterran fosthom tfal.
Ir-rapport jgħid li din iċ-ċifra hija xokkanti.