Jonqsu dawk bi dħul medju baxx li ma jħallsux taxxa fuq id-dħul

Minkejja li l-għadd ta’ nies bi dħul medju baxx, u li allura ma jħallsux taxxa tad-dħul, fl-aħħar erba’ snin baqa’ iktar minn 30,000 fis-sena, l-għadd tagħhom fil-fatt naqas minn sena għal sena.
Ċifri ppubblikati fil-Parlament ilbieraħ mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna juru li f’erba’ snin, dawk li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-minimu stabbilit mil-liġi biex iħallsu t-taxxa fuq id-dħul naqsu b’7,000 ruħ.
Waqt li fl-2010, dawn kienu jammontaw għal 39,642, fl-2013 dawn kienu jgħoddu 32,627. Anke fis-snin ta’ bejniethom, in-numru kien wieħed li dejjem kien qed jonqos. Fl-2011, fil-fatt, dawn kienu jgħoddu 38,219-il persuna waqt li s-sena ta’ wara, dawn niżlu għal 35,109 persuni.
Fit-tweġiba tiegħu lid-deputat Nazzjonalista Mario de Marco, Edward Scicluna speċifika li l-għadd ta’ persuni jinkludi lil dawk li jaħdmu, inkluż min jaħdem għal rasu. Ma tinkludix, madankollu, studenti li l-uniku dħul tagħhom kien l-istipendju, jew pensjonanti li ma jaħdmux.