Jonqsu bi 15% l-persuni b’diżabbiltà li qed ifittxu xogħol

Il-qgħad fost il-persuni b’diżabbiltà naqas bi 15% f’Marzu ta’ dis-sena, meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena l-oħra.
Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, liema ċifri ġew provduti minn Jobsplus, f’Marzu 2016 kien hemm 356 persuna b’diżabbiltà tirreġistra għax-xogħol taħt l-iskema Part I u Part II flimkien, filwaqt li dis-sena ċ-ċifra niżlet għal 304 persuni. Kważi 80% tar-reġistranti b’diżabbiltà kienu rġiel.
Sadanittant, Marzu ta’ dis-sena ra 1,384 persuni anqas jireġistraw għax-xogħol meta mqabbel ma’ Marzu tal-2016.
F’Marzu tal-2016 kien hemm 4,033 persuna jirreġistraw għax-xogħol taħt l-iskema Part I u Part II, filwaqt li dis-sena n-numru niżel għal 2,649 persuna. Dan ifisser tnaqqis ta’ 31%.
L-irġiel jirreġistraw għax-xogħol naqsu aktar minn nisa jirreġistraw, hekk kif għall-irġiel kien hemm tnaqqis ta’ 36%, u għan-nisa tnaqqis ta’ 29%.
Iċ-ċifri jkomplu juru li irrispettivament minn kemm kienu persuna kienet ilha tirreġistra, kull sezzjoni rrikordjat tnaqqis fil-persuni li qed ifittxu xogħol. L-akbar tnaqqis fil-persuni jirreġistraw inħass f’dawk li kienu ilhom fir-reġistru anqas minn 21 ġimgħa, bi tnaqqis ta’ 41% fi żmien sena.
Sadanittant, waqt konferenza mtellgħa mill-Jobsplus u l-Fondazzjoni Lino Spiteri, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li b’ħidma bejn il-Gvern u l-privat, f’erba’ snin 1000 persuna diżabbli sabet ix-xogħol.