Jonqos l-iskart fil-miżbliet, jiżdied dak għar-riċiklaġġ

L-iskart mormi fil-miżbliet f’Malta naqas bi kważi 36% bejn l-2013 u l-2014, waqt li dak miġbur minn Civic Amenity Sites żdied b’6%.
Żdied ukoll, bi kważi 10%, l-iskart għar-riċiklaġġ miġbur mid-djar permezz tal-borża l-griża jew il-ħadra, u naqas, b’7.5% l-istess tip ta’ skart minn Bring-in sites.
L-NSO qal li l-ikbar kontribut għat-tnaqqis fl-iskart kien it-tnaqqis ta’ 46% tal-iskart minerali mhux perikoluż.
Naqas ukoll, b’35%, it-trattament tal-iskart.
L-NSO qal li waqt li l-iskart fl-Għallis żdied bi 3%, dak fl-impjant ta’ Sant’Antnin naqas b’14%. L-ikbar tnaqqis kien fl-ammont ta’ skart organiku, bi 28%.
Naqas ukoll l-iskart mill-annimali u mill-ikel li jinqered fil-faċilità fil-Marsa, bi kważi l-iskart kollu minn faċilitajiet privati jiġi rriċiklat (92.6%).