Jonqos l-investiment barrani fis-settur tal-ICT

Fl-2015 naqas l-investiment barrani (Foreign Direct Investment) fis-settur tal-ICT u fis-settur tas-servizzi ta’ ‘back office’.
Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Claudio Grech.
Skont l-informazzjoni fid-dokumenti li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, l-investiment barrani fl-2015 fil-qasam tal-ICT kien €359,761, meta mqabbel ma’ €5,178,424 fl-2012, €1,045,345 fl-2013 u €2,505,891 fl-2014.
Fil-qasam tas-servizzi ta’ ‘back office’, l-investiment barrani fl-2015 kien €10,000, meta mqabbel ma’ €164,343 fl-2012, €279,100 fl-2013 u €140,400 fl-2014.
Oqsma li żdied l-investiment barrani fihom meta mqabbel mas-snin 2012 sal-2014 huma l-manifattura, il-farmaċewtika u l-avjazzjoni (apparti meta mqabbel mal-2014).
Fis-settur tal-kimika, l-investiment barrani fl-2012 kien €3,512,860, fl-2013 kien €5,803,893 u fl-2014 kien €2,252,780. Il-figura għas-sena 2015 tiġi determinata lejn l-aħħar tas-sena 2017, wara li l-Korporazzjoni tkun irċiviet kopji tat-tax returns mingħand il-kumpaniji attivi f’dan is-settur u li huma eliġibbli għal ‘Investment Aid’.