Jonqos iż-żmien ta’ diferiment biex wieħed jagħti d-demm wara operazzjoni

Sena ilu s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm beda juża apparat ġdid fuq it-testjar tad-demm, u dan ta l-possibbiltà li jonqos il-perjodu ta’ diferiment biex wieħed jagħti d-demm. Fost dawn ta’ min isemmi iż-żmien ta’ diferiment marbut ma’ operazzjonijiet li f’għadd ta’ każi naqas minn 6 xhur għal 4 xhur, 3 xhur, u f’ċerti każi għal 6 ġimgħat biss. Biex nagħtu eżempji konkreti, fuq linja ġenerali min ikun għamel operazzjoni maġġura xorta jrid iħalli 6 xhur, iżda min ikun għamel strument, inkluż raxkament, irid iħalli 4 xhur. 

Min ikun għamel operazzjoni moderata, bħal ngħidu aħna operazzjoni tal-ftuq, ikun irid iħallu 3 xhur, u min ikun għamel operazzjoni minuri (ġeneralment bil-loppju lokali), bħal ngħidu aħna tal-carpal tunnel, ħruq tal-vini taħt il-ġilda, jew xi tneħħija ta’ boċċa żgħira tax-xaħam, jkun irid iħalli 6 ġimgħa biss.

Ma’ dan kollu, is-Servizz jagħti parir lil min għamel xi tip ta’ operazzjoni u jixtieq jagħti d-demm, biex iċċempel fuq 80074313 jew 79307307 għall-parir espert tat-tobba.

Intant l-għoti tad-demm minn kulmin hu eliġibbli biex jagħti, għandu jsir:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru ser ikun fil-Pjazza tas-Saqqajja, Ir-Rabat. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 13 ta’ Settembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Noti importanti!

  • Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jitħalla jagħti demm għal perjodu temporanju. 

Dan it-tagħrif twassal mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.