Jonqos in-numru ta’ vetturi liċenzjati

Read in English.

Fl-ewwel kwart tal-2020 in-numru ta’ vetturi liċenzjati naqas b’117 vettura mill-kwart ta’ qabel.

Fi stqarrija l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li fl-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena l-istock ta’ vetturi liċenzjati kien ta’ 397, 391. Minn dawn 77.1% kienu karozzi tal-passiġġieri u 8% kienu muturi. Waqt l-ewwel kwart tal-2020 l-istock naqas b’medja ta’ vettura waħda kuljum meta mqabbel mal-aħħar kwart tas-sena l-oħra.

NSO

Il-maġġoranza tagħhom kienu karozzi tal-passiġġieri. Mill-banda l-oħra fl-istess perjodu kien hemm 8,670 vettura li tneħħew mit-toroq minħabba xi restrizzjoni. Minnhom 46.8% tpoġġew f’garaxx.

X’tip ta’ magni għandhom il-karozzi?

Sal-aħħar ta’ Marzu tal-2020, 59.5% tal-vetturi kellhom magni tal-petrol. Kien hemm 38.9% li kellhom magni tad-diesel filwaqt li vetturi jaħdmu bl-elettriku u dawk hybrid ammontaw għal 1.2% tal-istokk kollu.

L-NSO qalet li l-istatistika provduta dwar dan il-perjodu għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-impatt tal-coronavirus.