Jonqos il-valur ta’ Victoria’s Secret

L-ishma ta’ L Brands ħadu daqqa ta’ ħarta hekk kif il-kumpanija proprjetarja tad-ditti rinomati Victoria’s Secret u Bath Body baxxiet ‘l isfel il- previżjonijiet tagħha għal din is-sena finanzjarja. Il-kumpanija bbażata f’Ohio qalet li minkejja li l-bejgħ żdied b’aktar minn 8% għal kważi 3 biljun dollaru, fit-tliet xhur li ntemmu f’Lulju, żieda ta’ 14% fl-ispejjeż ġenerali, amministrattivi u operattivi pattiet għaż-żieda fil-bejgħ.

Dan wassal biex meta mqabbel mas-sena li għaddiet, id-dħul komplessiv niżel b’29%, kważi 100 miljun dollaru. Dan wassal biex L Brands issa qed tipprevedi dħul ta’ bejn 2.40 u 2.70 dollaru kull sehem flok ta’ 3 dollari. Fost ir-raġunijiet li ssemmew minn analisti tas-settur, kien hemm żewġ elementi prinċipali: f’pajjiżi bħall-Amerika, Victoria’s Secret, bejjiegħ rinomat ta’ underwear femminili, għadu jiddependi wisq mill-malls li fl-aħħar snin tilfu ħafna mill-popolarita’ tagħhom. Fl-istess waqt, żdiedet il-kompetizzjoni minn kumpaniji iżjed iffiukkati fuq iż-żgħażagħ meqjusa bħala millennials, bħal American Eagle, Adore Me u Third Love.

Dan wassal biex l-ishma niżlu b’aktar minn 5% sal-aħħar tal-ġimgħa, biex s’issa, din is-sena l-valur tal-kumpanija, li għandha kapitalizzazzjoni fis-suq ta’ kważi 9.5 biljun dollaru, niżlu aktar kważi naqas bin-nofs.

Golman Sachs tbiegħ il-kwariteri tagħha għal 1.2 biljun

Il-kumpanija multinazzjonali tas-servizzi finanzjarji qablet li tbiegħ u tieħu lura b’lease l-kwartieri ġodda f’Londra, fi ftehim ta’ 1.2 biljun sterlina ma’ NPS tal-Korea. Dan il-ftehum huwa turija li għad hemm talba qawwija għall-proprjetà fil-kapitali Ingliża, minkejja d-dubji marbuta mal-proċess ta’ ħruġ tal-pajjiż mill-UE.

Il-ġgant bankarju Amerikan, li se jidħol fil-kwartieri ġodda fi Plumtree Court, fid-distrett finanzjarju, binja ta’ 826 000 metru kwadru, ħa 25 sena lease fuq il-binja. Il-prezz imħallas min-National Pension Service Korean huwa t-tieni l-akbar fl-istorja għal binja f’Londra, wara li s-sena li għaddiet il-biljunarju minn Hong Kong Lee Kum Kee investa 1.3 biljun sterlina għall-akkwist tal-hekk imsejjaħ Walkie Talkie Tower. Huwa wkoll sinonimu ma’ investiment dejjem akbar mill-Koreani fil-pajjiż b’mod partikolari f’Londra.

Iżda l-kumpanija għalissa ma kkummentatx fuq jekk hux se tnaqqas il-persunal fid-dawl tal-proċess ta’ Brexit, u qalet li qabel mas-sitwazzjoni ma tkun iżjed ċara ma tistax tagħmel dan. B’mod simili, anke Deutsche Bank daħlet f’lease għal 25 sena biex tiġbor flimkien persunal minn postijiet differenti f’Londra, u kkommetiet lilha nfisha li takkwista mill-anqas 469,000 metru kwadru f’binja ġdida f’Moorfields, sit li għadu qed jinbena fl-istess distrett finanzjarju.

Il-banek Irlandiż jippruvaw jeħilsu minn self ħażin.

Il-banek Irlandiżi intensifikaw l-isforzi tagħhom biex jeħilsu l-hekk imsejħa loans ħżiena ta’ żmien il-kriżi finanzjarja hekk kif ir-regolaturi qed iżidu l-pressjoni fuq is-settur biex jaċċellera t-tiswija tal-karti tal-bilanċ tagħhom. Taħt l-iskrtinju tal-Bank Ċentrali Ewropew u awtoritajiet lokali, banek Irlandiżi riċenti biegħu non-performing loans (NPLs, jiġifieri self li ftit ikun hemm possibilita li jinġabar lura) b’valur ta’ madwar 6 biljun ewro lil vetturi ta’
investiment Amerikani proprjeta ta’ ġganti bħal Cerberus, Goldman Sachs u Lone Star Funds.

Banek bħal Ulster Bank, Permanent TSB, KBC Ireland u Allied Irish Banks qed jirriflettu l-isforzi biex tiġi nomralizzata s-sistema bankarja, għaxar snin wara li l-Gvern ta’ Dublin iggarantixxa l-obbligazzjonijiet bankarji kollha wara l–falliment tal-Lehman brothers. Il-Bank Ċentrali wkoll indika li qed jikkunsidra dan it-tip ta’ bejgħ.

Skont il-Bank Ċentrali Irlandiż, il-banek tal-pajjiż għandhom aktar minn 30 biljun ewro f’NPLs sal-aħħar tas-sena li għaddiet, li jammonta għal aktar minn 13%. Dan huwa ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ 4%, minkejja l-progress enormi li sar, meta wieħed iqis li dan l-ammont kien ta’ aktar minn 80 biljun ewro sal-2014.

Minkejja li l-pajjiż bħalissa għaddej minn rata ta’ tkabbir ekonomiku qawwi u rata baxxa ferm ta’ qgħad, il-Bank Ċentrali Ewropew jibqa’ mħasseb li r-rata għolja ta’ NPLs tista’ tkun ta’ theddida għall-istabbilita’ finanzjarja u għalhekk qed jimbotta lill-banek tal-pajjiż biex iżidu l-ħidma tagħhom biex jinżlu għal ċifra li tqarreb aktar il-medja Ewropea.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.