Jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi

Hekk kif illum huwa l-aħħar jum ta’ kampanja elettorali qabel il-jum ta’ riflessjoni, l-aħħar stħarriġ minn ġurnal lokali juri żieda fl-appoġġ għall-partiti politiċi u tnaqqis f’dawk li kienu se jastjenu jew ma riedux juru l-intenzjonijiet tagħhom.

L-istħarriġ tal-ġurnal ‘MaltaToday’ juri tnaqqis fid-distakk bejn iż-żewġ partiti, li minn 12% niżel għall-11.7%. Dan wara li nies li se jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista żdiedu b’1.2% filwaqt li dawk għall-Partit Laburista żdiedu b’0.9%.

Mis-survey ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, f’dawn il-jiem il-Partit Nazzjonalista irnexxielu jirbaħ l-aktar liż-żgħażagħ, b’żieda ta’ kważi 10%. Iżda l-appoġġ tal-Partit Laburista f’dan il-grupp baqa’ jgawdi l-maġġoranza, b’40%, żieda ta’ 2.3% mill-aħħar survey.

Madankollu għad hemm 24% tal-parteċipanti f’dan is-survey li għadhom indeċiżi jew ma riedux juru l-intenzjonijiet tagħhom. Jekk dawk li ma riedux juru l-intenzjoni tagħhom huma kollha ta’ simpatija nazzjonalista, il-partiti jkunu ħafna aktar viċin ta’ xulxin.

Huwa għalhekk li l-isforzi tal-partiti politiċi huma ffokati fuq l-indeċiżi u dawk li beħsiebhom jastjenu.

Dan is-survey juri wkoll li l-Alternattiva Demokratika għandha l-appoġġ ta’ 2.5%. L-akbar appoġġ għall-partit tal-ħodor jinsab fost iż-żgħażagħ bi kważi 5%.