Jong Un lest li jiltaqa’ ma’ Trump; iwissi dwar “toroq alternattivi”

NKCNA/via REUTERS

Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un qal li lest li jiltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump mill-ġdid sabiex tkompli l-ħidma li l-Korea tiġi denuklearizzata. Madanakollu hu wissa li jaf ikollu jieħu toroq alternattivi jekk l-Istati Uniti jkomplu jżidu s-sanzjonijiet u l-pressjoni kontra l-pajjiż.

Waqt li kien qed jindirizza l-pubbliku fl-Ewwel tas-Sena permezz ta’ trasmissjoni live fuq it-televiżjoni, Jong Un qal li qed jaħdem bis-sħiħ għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea tant li kien iddikjara li ma kienux se jsiru aktar testijiet la fuq il-pajjiż u lanqas fuq pajjiżi oħrajn.

Kompla jgħid li Pyongyang ħadet diversi miżuri prattiċi u jekk Washington ikollha tirrispondi b’mod simili, ir-relazzjonijiet bilaterali jkomplu jiżviluppaw b’passi mgħaġġla. Sostna li dejjem se jkun lest sabiex jiddiskuti ma’ Trump u li se jkun qed jaħdem bis-sħiħ sabiex jasal għal riżultati li jgħoġbu lid-dinja kollha.

Madanakollu, Jong Un sostna li jekk l-Istati Uniti tibqa’ tippersisti bis-sanzjonijiet u l-pressjoni fuq il-pajjiż, il-Korea ta’ Fuq se jkollha tħares lejn “toroq alternattivi”. Mhux ċar x’ried ifisser b’dan il-kumment, madanakollu skont Reuters, kumment bħal dan qed ikompli jżid max-xettiċiżmu dwar jekk il-Korea ta’ Fuq hix verament lesta li twaqqaf l-użu tal-armi nukleari.