Jonathan Pace ntlaqat minn ħames tiri sparati minn assault rifle

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kwartieri tal-Pulizija fil-Floriana, ingħataw dettalji tal-mod kif seħħet l-isparatura fil-Fgura matul il-lejl li għadda. 
Il-Pulizija interrogat numru ta' persuni fosthom lil Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu fuq l-isparatura fil-Fgura fejn inqatel Jonathan Pace.
Pace miet fl-isptar Mater Dei wara li ntlaqat b’tiri sparati minn arma awtomatika tat-tip assault rifle u tilef ħafna demm.
B'kollox ġew sparati bejn 15 u 20 tir li ħamsa minnhom laqtu lil Pace.
L-arma hija waħda meqjusa bħala militari u pprojbita li tintuża minn persuni ċivili.
Jonathan Pace nqatel wara li xi ħadd mhux magħruf sparalu f’sidhru meta kien jinsab f’appartament fi blokka li tinsab fi Triq Mahatma Ghandi fil-Fgura.
Ġie spejgat li mhux minnu rapporti li aktar tard il-Pulizija sabu xi vettura maħruqa fil-limiti tal-Fgura.
It-tiri ġew sparati minn karozza li kienet mixja ħdejn il-blokka ta’ appartamenti fejn kien jinsab Pace u baqgħet sejra.
Il-possibilità hija li l-vettura li ntużat kienet tat-tip SUV u li l-persuni li sparaw it-tiri huma professjonali. 
Mhux eskluż li dak li ħin li seħħet l-isparatura kien hemm xi persuni li raw dak li ġara. 
Il-Pulizija qalu li d-dinamika tal-każ huwa simili għall-qtil ta' Joe Galea, magħruf bħala l-Ġilda.
Fl-istess akkwati kien joqgħod Stephen Zammit ta' 32 sena, li flimkien ma' Kevin Gatt iż-Żibġi kienu ħebbew għal Giuseppe Cutajar ta' 45 sena magħruf bħala l-Lion. 
Dan il-każ kien seħħ f'garaxxijiet taħt numru ta' appartamenti f'Marsaskala.
Gatt u Zammit mietu aktar tard minħabba l-feriti li ġarrbu. 
Jonathan Pace, li kien is-sid tal-ħanut tal-laħam Tyson, kien qed jiġi investigat dwar l-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat li għandu 52 sena.
Huwa kien jinsab bil-libertà proviżorja. Kien Muscat stess li akkuża lil Jonathan Pace li sparalu fit-8 ta’ April li għadda waqt sparatura fi Triq Bordin fl-Imsida.
Vince Muscat ukoll kien ingħata l-libertà proviżorja u kien wieħed mill-persuni fl-attentat ta’ serq mill-bank HSBC f’Ħal Qormi fl-2000.
Huwa kien ġie interrogat ukoll b’rabta mal-qtil ta’ Ronald Galea, liema każ kien kien seħħ f’Ħal Far fit-18 ta’ Frar tas-sena li għaddiet.
Il-Maġistrat Neville Camilleri qed imexxi l-inkjesta filwaqt li nħatru numru ta’ esperti biex jassistuh fl-inkjesta.
Il-Pulizija qed jappellaw lil min għandu xi forma ta' informazzjoni għandu jgħaddi lill-Pulizija.