​Jonathan Ferris bi protest ġudizzjarju kontra l-PM

L-eks uffiċjal tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) Jonathan Ferris ressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti, fost l-oħrajn kontra l-Prim Ministru minħabba nuqqas ta’ progress fl-għoti tal-istatus ta’ whistleblower.
Ferris qed jallega li twaqqaf milli jaħdem mal-FIAU b’mod abbużiv u llegali għax ried jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni  “fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti, inkluż fl-Uffiċju tal-Prim Ministru”.
Fil-protest ġudizzjarju, Ferris fakkar kif kien ilu jitlob biex jingħata status ta’ whistleblower minn Novembru tal-2017. Fakkar kif fl-14 ta’ Jannar kien ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali li għalih “ma rċieva l-ebda risposta”.
Il-protest ġudizzjarju sar fil-konfront tal-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, l-Avukat Ġenerali, u l-uffiċjal tal-External Whistleblower Unit Philip Massa.
Il-protest ġudizzjarju jallega li l-Uffiċju tal-Whistleblowers tal-Ministeru għall-Finanzi, tal-Ministeru għall-Ġustizzja, u tal-Uffiċju tal-Kabinett qed jgħaddu lil Ferris biż-żmien.
Ferris qed jallega li l-proċess qed jiddewwem għal t’apposta b’entità tirreferih għal oħra. Qal li s-sitwazzjoni tiegħu tmur kontra dik li qed ipinġu Muscat u Bonnici fid-diskorsi tagħhom.
Qed jiġi allegat ukoll li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici “qarraq bil-Membri tal-Parlament Ewropew f’wiċċhom”. Dan għax skont il-protest ġudizzjarju, Bonnici kien qal li mhux se jkun hemm tkaxkir tas-saqajn biex Ferris jingħata status ta’ whistleblower.
Il-protest ġudizzjarju jelenka numru ta’ dati li fihom ġew ikkuntattjati diversi uffiċjali minn Diċembru tal-217 . Intqal li fis-7 ta’ Frar, l-uffiċjal tal-External Whistleblower Unit tal-Uffiċju tal-Prim Ministru talab lil Ferris jagħmel internal disclosure, jew li juri pprova jagħmel waħda. L-avukati ta’ Ferris qed jisħqu li internal disclosure ma setgħetx issir peress li Ferris kien tkeċċa ħabta u sabta.