Jolqtulu n-nervituri waqt operazzjoni; kumpens ta’ €90,000 għad-diżabbiltà li ħolqulu

Mekkanik li sofra ħsara permanenti fin-nervituri waqt operazzjoni li saritlu biex titneħħa nefħa tal-lipoma minn għonqu ngħata aktar minn €90,000 f’dannu mill-Qorti Ċivili.

L-operazzjoni biex titneħħa l-lipoma saret fl-2013, meta r-raġel ġie infurmat li l-operazzjoni kienet marret tajjeb u li ma kellux bżonn jerġa’ jmur l-isptar għal follow-up. Madankollu, in-nefħa hemm baqgħet u beda jkollu wġigħ fi spalltu. Huwa għamel iżjed testijiet u minnhom sar jaf li għandu lipoma ikbar fl-istess post fejn ġie operat.

Kważi sentejn għaddew, u r-raġel ġie operat biex ineħħi din il-balla. Wara t-tieni operazzjoni, konsulent infurmah li l-uġigħ sever li kellu fi spalltu kien minħabba ħsara li saritlu fin-nervituri fl-ewwel operazzjoni, liema ħsara ma tissewwiex.

Huwa fittex lil dawk li operawh għad-danni, u argumenta li l-kirurgu li opera fuqu u dak li kien responsabbli minnu kienu kkawżawlu diżabbiltà ta’ 21%.

Il-Qorti semgħet dak li kellhom xi jgħidu ż-żewġ kirurgi, u anke kirurgu ieħor li kien ikkonsulta miegħu l-pazjent li infurmah b’li kien ġara. Il-kirurgi involuti qalu li l-lipoma għattiet in-nervituri, u b’hekk, bilfors kellhom jintlaqtu u l-ħsara fin-nervituri kienet konsegwenza tal-operazzjoni. Madankollu, intqal fil-qorti wkoll li n-nervitur li ntlaqat kien wieħed superfiċjali li seta’ ġie evitat waqt l-operazzjoni.

L-Imħallef Lawrence Mintoff innota li ultrasound li sar qabel l-operazzjoni kien wera li din kienet se tkun ftit kumplessa ħdejn oħrajn simili, izda t-tobba ma talbux li ssir MRI, li biha kieku setgħu jaraw in-nervituri sew biex jaċċertaw li dawn ma jintlaqtux waqt l-operazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti sabet li l-kirurgu li opera fuq il-pazjent it-tieni darba kien ħa riskju bla bżonn peress li ma talabx għal MRI qabel l-operazzjoni. Il-kirurgu l-ieħor kien responsabbli għax l-ewwel kirurgu hu parti mit-tim tiegħu.

B’hekk il-Qorti ordnat li l-mekkanik jitħallas €92,054.68 f’danni miż-żewġ kirurgi involuti.