Jolqot il-karozza ta’ mara tqila f’San Ġiljan u jibqa’ sejjer

Mara tqila li kienet qed issuq il-karozza tagħha f’San Ġiljan ilbieraħ spiċċat daħlet f’inċident tat-traffiku li fih is-sewwieq tal-karozza l-oħra baqa’ sejjer. 

Kelliem għall-Pulizija kkonferma dan l-inċident ma’ Newsbook.com.mt u spjega li l-każ seħħ fi Triq Mikiel Anton Vassalli għall-ħabta tat-8pm. Il-mara li għandha 36 sena u tgħix Santa Venera ttieħdet l-isptar minħabba li tqila. Hi sofriet minn ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex issib il-persuna responsabbli tal-inċident.

Intant, oħt il-vittma ħalliet messaġġ fuq il-grupp ta’ Facebook The Salott (RUBS) fejn appellat għall-għajnuna tal-pubbliku biex tinstab il-persuna responsabbli. Spjegat li oħtha tinsab fi stadju avvanzat tat-tqala tagħha.