Joħroġ minn koma jum qabel ma kienu se jintfewlu l-magni

Tifel ta’ 13-il sena li weġġa’ serjament u tħalla bi ħsara kbira f’partijiet importanti tal-moħħ, kienu se jintfewlu l-magni wara li l-ġenituri tiegħu tilfu kull tama li t-tifel kien se joħroġ mill-koma.
Omm it-tifel Amerikan Trenton McKinley, spjegat kif it-tifel spiċċa hekk wara li kien ħabat b’vettura li tintuża fuq ir-ramel meta kien għand xi ħbieb tiegħu li joqgħodu f’Alabama.
It-tifel irnexxielu jsalva lin-neputija ta’ sieħbu li kellha biss erba’ snin qabel ma weġġa’ serjament.
Ommu kompliet tgħid kif għal madwar 15-il minuta, it-tifel kien miet. Bil-ħidma tat-tobba, irnexxielhom jerġgħu iqajjmuh iżda sostnew mal-omm li qatt ma kien se jerġa’ jkun normali u li jekk jibqa’ ħaj, se jgħix fi stat veġetali.
Minkejja dan, propju ftit tal-ħin qabel ma t-tobba kienu se jitfulu l-magna, moħħu beda jerġa jiffunzjona, att li t-tobba sostnew li huwa miraklu.
Wara tliet operazzjonijiet kruċjali f’moħħu, u esperjenza tal-qsim il-qalb, Trenton issa qiegħed jimxi, jitkellem u jaqra.