Joħroġ it-tender tal-mina għall-ilma bejn Pembroke u Ta’ Qali

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ħarġet wieħed mit-tenders prinċipali tal-proġett tal-mina ta’ bejn Pembroke u Ta’ Qali.
Fi stqarrija, il-Korporazzjoni qalet li t-tender huwa marbut mal-proġett Net Zero Impact Utility. Il-mina se tkun twila 9.5 kilometri u hija wiesgħa 3 metri. Din se tintuża biex ikunu jistgħu jgħaddu minnha pajpijiet  tal-plastik tat-tip glass fibre reinforced plastic.
Il-WSC qalet li huwa mistenni li t-tender għax-xogħol tat-tħaffir u tax-xogħolijiet ċivili jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Skont il-WSC, il-proġett tal-mina se jkun kruċjali biex issir konnessjoni mill-akbar impjant tar-reverse osmosis f’Pembroke sar-riżervi li hemm f’Ta Qali. Qalet li dan għandu jassigura li jiġi sfruttat il-blending potential kollu tal-ilma tar-reverse osmosis. Qalet li l-ammont ta’ enerġija li jkun hemm bżonn biex jiġi ppumpjat l-ilma jiġi minimizzat.
Fi kliem il-WSC, se jiġi istallat pajp kbir tal-ilma biex ikun hemm provvista ta’ ilma tajba għall-parti ċentrali ta’ Malta.
Il-korporazzjoni spjegat li l-pajpijiet li se jintużaw se jkunu qed jintużaw f’Malta għall-ewwel darba. Qalet li l-pajp sħiħ se jkun twil 8 kilometri u jkun wiesgħa 1.2 metri.
Se jkun qed jiġi installat ukoll main ta’ sitt kilometri bl-użu ta’ pajpijiet li jkollhom dijametru ta’ 80 jew 100 ċentimetru.