Joħroġ it-tbassir tal-irwiegel għall-2019

Liema xhur se jkunu bix-xita s-sena dieħla? Ħa jkollna sajf ieħor kiefer? Diversi persuni f’dawn iż-żminijiet iqattgħu hinhom josservaw it-temp biex b’hekk jbassru t-temp għas-sena dieħla permezz tal-irwiegel. Is-sit FirstMalta.com ħabbar l-irwiegel għas-sena d-dieħla, hekk kif it-temp ġie osservat bejn it-13 u l-24 ta’ Diċembru. Kull ġurnata tikkorrispondi lejn xahar partikolari tas-sena ta’ wara. Minn dak li qed jgħid is-sit jidher li s-sena dieħla ħa tkun waħda pjuttost xotta hekk kif skont l-irwiegel mhux mistennija tagħmel wisq xita.

Mill-osservazzjonijiet li għamel FirstMalta tat-temp kif kien matul dawn it-tnax-il ġurnata, ħabbar li Jannar u Frar mistennija jkunu xotti hekk kif nhar it-13 u l-14 ta’ Diċembru ma għamiltx xita. Marzu iżda mistenni jkun pjuttost kiesaħ b’xi ftit ħalbiet tax-xita u b’riħ qawwi hekk kif nhar il-15 ta’ Diċembru għamlet ix-xita u kien ir-riħ. April mistenni jkun bla xita u pjuttost kiesaħ. F’Ġunju mistennija ftit xita għalkemm Mejju t-temperaturi mistennija jerġgħu jibdew telgħin. Skont l-irwiegel Awwissu mistenni jkun xott u sħun filwaqt li f’Settembru mistennija ħalbiet tax-xita. Ottubru, Novembru u Diċembru mistennija jkunu bla xita skont l-irwiegel.

Jekk inti tagħmel l-irwiegel, agħmel kuntatt magħna!