Joħorġu dawra bil-kelb fuq tilja konkos ġdida

Franco Ciangura

Persuna mhux magħrufa ddeċidiet li toħroġ dawra lill-kelb fuq triq li kienet għadha kemm ingħatat tilja konkos ġdida.

Dan qalu s-Sindku ta’ Għajnsielem, Franco Ciangura fuq Facebook fejn ikkundanna l-aġir li sar fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta fi Triq il-Briegħen li bħalissa l-Kunsill qed jagħtiha wiċċ ġdid ta’ konkos.

Is-Sindku insista li dan huwa nuqqas ta’ rispett u turija ta’ injoranza. Sostna li huwa wkoll tip ta’ vandaliżmu li “ma jista’ qatt jiġi aċċettat”.

Il-proġett partikolari qed isir wara li l-Kunsill kiseb fondi Ewropej għal żoni rurali. Ciangura spjega li x-xogħol għadu fil-bidu tiegħu u appella lil kulħadd sabiex meta jagħmel użu miż-żona joqgħod attent u ma jidħolx fejn l-aċċess huwa magħluq.